Wednesday, February 4, 2009

Xena f'restorant

Hekk kif tiftaħ il-bieb, l-arja hi mimlija bil-vuċijiet tan-nies fuq l-imwejjed; min mal-familja, xi żgħażagħ jitbewsu fuq xemgħa b'xi tazza inbid aħmar jiċċelebraw l-anniversarju tagħhom, jew xi ħbieb tax-xogħol jew ta' għaqda jiddiskutu xi kwistjoni taħraq kif ukoll xi tfal jgħajtu għax iridu xi ħaġa partikolari jew jiġru madwar il-post. Fl-isfond jinstema' ċ-ċekċik ta' platti u tazzi li qegħdin jinġabru u jinġarru mill-wejters. F'kantuniera mużiċist qed idoqq il-pjanu, jagħmel li jista' biex iferraħ aktar l-atmosfera u jitgħaxxaq in-nies waqt li qegħdin jieklu. Issa wieħed ikun jista' jibda jxomm diversi rwejjaħ tal-ikel li jkun qed jiġi msajjar li aktar u aktar jiftħu l-istonku u jżidu l-aptit tan-nies preżenti. Xi biċċa laħam tradizzjonali tajba bħat-tiġieġ jew taċ-ċanga jew xi pizza u pasta jew ukoll xi ħuta li tant Maltin imorru għaliha. Ma jonqosx li jkun muri f'xi vetrina mimlija bis-swaba' ta' tfal id-diversi tipi ta' deżerta li minnhom wieħed ikun jista' jagħżel wara l-ikla bnina li jkun ħa; xi biċċa torta dejjem tinżel għasel mal-Maltin !

No comments:

Post a Comment